Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann tniedi proġetti ta’ restawr fil-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta
Ġie ffirmat Memorandum of Understanding li jniedi kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti, u b’hekk turi koperazzjoni strutturali bejn iż-żewġ entitajiet.
Fost għanijiet oħra, il-Fondazzjoni se toffri s-servizzi tagħha ta’ restawr u konservazzjoni fuq tliet pitturi fil-kappella ta’ Santa Lucia u Sant’Agata u l-pittura ta’ Mattia Preti li turi l-Madonna mal-Qaddisin Karlu Borromeo u Franġisku de Sales fil-knisja tal-Ġiżwiti, imħallsa kollha mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. “Dan se jiftaħ il-bibien tal-Konkatidral biex jgħin knejjes oħra fir-restawr u l-konservazzjoni tal-pittura u artifatti,” stqarr il-Prof. Mons. Emmanuel Agius, il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral. Huwa qal ukoll “il-Konkatidral ta’ San Ġwann irid isir ċentru t’eċċellenza fl-dawn fl-oqsma tar-restawr u l-konservazzjoni biex b’hekk ikun ta’ servizz għal entitajiet oħra fl-esperjenza teknika u xjentifika li kisbet matul dawn l-aħħar 22 sena mindu twaqqfet il-Fondazzjoni fl-2001”.
Bejn l-1593 u l-1609 il-Knisja taċ-Ċirkonċiżjoni tal-Mulej inbniet mill-ordni tal-Ġiżwiti, u hija waħda mill-eqdem u l-akbar knejjes fil-Belt Valletta. Il-knisja reġgħet inbniet mill-ġdid fl-istil Barokk minn Francesco Buonamici wara li fl-1634 sofriet ħsarat estensivi kawża splużjoni. Il-knisja baqgħet tintuża wara li l-Ġiżwiti tkeċċew minn Malta fl-1768. F’Lulju 2021 twaqqfet fondazzjoni ġdida biex tibda l-konservazzjoni li kienet fi bżonn kbir.
“Il-Fondazzjoni għandha l-istess għan tagħna: dak li nħarsu l-wirt kulturali tagħna li flimkien inħarsu għall-ġenerazzjonijiet futuri, kemm fil-Konkatidral kif wkoll mal-Knisja tal-Ġiżwiti,” stqarr Dr Owen Bonnici, Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti, u l-Gvern Lokali. “Ninsab kuntent li nara lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann toffri l-għajnuna tagħha biex tgħin entitajiet oħra.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Arċisqof, Michael Pace Ross qal li “l-Arċidjoċesi tħeġġeġ entitajiet oħra biex jaħdmu flimkien fil-konservazzjoni u r-restawr tal-patrimonju tagħna. Dan il-ftehim huwa l-ewwel pass biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn dawn iż-żewġ fondazzjonijiet f’oqsma oħra wkoll.”
“Kemm il-Knisja tal-Ġiżwiti u l-Konkatidral ta’ San Ġwann għandhom storja rikka ħafna, u huma xempju ta’ arkitettura u arti tal-għola livell,” enfasizza l-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti, Dr David Camilleri. “Billi ningħaqdu mal-Fondazzjoni San Ġwann, nistgħu nkomplu nirrestawraw il-Knisja tal-Ġiżwiti fl-istat pristin, u b’hekk inżidu l-aċċessibbiltà tal-wirt nazzjonali tagħna għal kulħadd.”
Photos: Archibishop’s Curia, The St John’s Co-Cathedral Foundation